Back

Eluf ta' mwiet kull sena minħabba l-plastik fil-baħar... jinġabru 8000kg ta' apparat tas-sajd

April 13, 2016

Il-kumpanija Norveġiża Nofir AS ħadet inizjattiva biex tnaddaf l-ibħra Ewropej wara li studju ġdid li ġie ppubblikat wera li iktar minn 100,000 ħuta u annimal tal-baħar imutu kull sena minħabba l-plastik li jiġi mormi fil-baħar. Mhux biss, iżda hu mbassar li sas-sena 2050 iktar se jkun hawn plastik milli ħut fil-baħar!

Matul ir-rebbiegħa ta’ din is-sena, in-Nofir iddeċidiet li tespandi l-attività tagħha għall-kosta Maltija, u b’hekk din issa bdiet tiġi mnaddfa. S’issa rnexxielha tiġbor madwar 8,000kg ta’ apparat tas-sajd li ntrema madwar il-kosta. Wara li dan l-apparat tas-sajd jittella’ mill-baħar, jittieħed f’postijiet apposta fejn jiġi jiriċiklat u maħdum f’oġġetti oħra. Il-fatt li l-apparat hu magħmul kważi kollu mill-plastik jagħmilha iktar faċli biex jiġi riċiklat.

Ħafna sajjieda Maltin igergru li m’hawnx postijiet fejn jarmu l-apparat antik tas-sajd, u b’hekk jispiċċaw jiddisponu minnu fil-baħar. Sa ċertu punt ma ttihomx tort, tgħid l-istqarrija maħruġa mill-kumpanija, minħabba li diffiċli ssib post fejn taħżen ammonti kbar  minn dan l-apparat, u sidien ta’ landfills ħafna drabi jirrifjutaw li jieħdu dan it-tip ta’ skart.

B’hekk in-Nofir, apparti li tnaddaf il-kosta, qed tiġbor l-apparat tas-sajd li mhux se jintuża iktar mingħand is-sajjieda, u tiddisponi minnhu hi. Il-kumpanija saħqet li trid tibni relazzjoni tajba mas-sajjieda Maltin biex flimkien ikompli jagħmlu l-ġid u jżommu ambjent iktar nadif. Il-ġbir tal-apparat qed jiġi iffaċilitat kemm jista’ jkun, hekk kif il-kumpanija stess tieħu ħsieb it-trasport u d-dokumenti kollha nvoluti.

Nofir AS temmet l-istqarrija billi qalet li apparat tas-sajd li jintrema fil-baħar qiegħed ikun ta’ detriment qawwi għall-ħajja marittima. Kwotat rapport maħruġ mill-Ellen MacArthur Foundation, li jipprevedi li sas-sena 2050 iktar se jkun hawn plastik milli ħut fil-baħar.

http://www.inewsmalta.com/article.php?ID1=33901